All official European Union website addresses are in the europa.eu domain.
See all EU institutions and bodiesGħin lill-pjaneta tagħna, ipprintja din il-paġna biss jekk ikollok bżonnha. Anke azzjoni żgħira tista’ tagħmel differenza enormi meta jagħmluha miljuni ta’ persuni!
News
Ir-rapport il-ġdid tal-EEA "Europe’s changing climate hazards" (il-perikli klimatiċi li qegħdin jinbidlu fl-Ewropa) huwa rapport interattiv li jagħti ħarsa ġenerali lejn il-bidliet tal-passat u dawk imbassra fl-aktar perikli klimatiċi importanti tal-Ewropa u kif dawn jaffettwaw lir-reġjuni Ewropej. Ir-rapport tal-EEA huwa partikolarment siewi għal dawk li jfasslu l-politika u għall-esperti kkonċernati mill-valutazzjoni tar-riskju tat-tibdil fil-klima u mill-ippjanar tal-adattament fl-Ewropa. L-Istati Membri tal-UE jistgħu jużaw ukoll l-informazzjoni biex jirrapportaw dwar il-perikli relatati mal-klima lill-Kummissjoni Ewropea.
Ir-rapport, żviluppat bl-appoġġ tas-Servizz dwar it-Tibdil fil-Klima ta’ Copernicus (C3S) u sħab oħra tal-EEA, jagħti aċċess kemm għal informazzjoni ġeneralizzata kif ukoll dettaljata dwar il-perikli klimatiċi reġjonali kif ukoll għarfien dwar kif dawn il-perikli jistgħu jaffettwaw l-ekosistemi u s-setturi ekonomiċi.
Ir-rapport itenni s-sejbiet tal-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) li t-tibdil fil-klima huwa bla dubju responsabbli għal żieda f’avvenimenti ta’ temp estrem iżda jipprovdi informazzjoni aktar dettaljata għall-Ewropa.
Il-bidliet imbassra jinkludu li t-temperaturi medji se jkomplu jiżdiedu madwar l-Ewropa u l-avvenimenti ta’ sħana estrema huma mistennija li jiżdiedu saħansitra aktar malajr. Ir-rapport jgħid l-Ewropej għandhom jħejju ruħhom għal aktar jiem bi sħana estrema u għal avvenimenti ta’ preċipitazzjoni aktar estremi.
Aktar informazzjoni dwar ħafna mill-perikli relatati mal-klima tista’ tinstab fl-Esploratur Ewropew tad-Data dwar il-Klima, żviluppat b’mod konġunt mill-EEA u mis-C3S.
Il-Patt Klimatiku ta’ Glasgow, miftiehem fis-26 Konferenza tal-Partijiet (COP26) tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC), jenfasizza l-urġenza li jiżdied l-adattament għat-tibdil fil-klima u li jiġu kondiviżi l-għarfien u t-teknoloġiji biex tittejjeb il-kapaċità adattiva, tissaħħaħ ir-reżiljenza u titnaqqas il-vulnerabbiltà għat-tibdil fil-klima. Id-dokument jirrikonoxxi wkoll l-importanza tal-aħjar xjenza disponibbli għal azzjoni dwar il-klima u tfassil tal-politika effettivi, inklużadata dwar il-perikli, ir-riskji, u t-telf u l-ħsarat minħabba t-tibdil fil-klima.
L-istrateġija tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima għandha l-għan li toħloq Ewropa reżiljenti għat-tibdil fil-klima sal-2050, filwaqt li titlob informazzjoni aktar affidabbli dwar it-tibdil fil-klima, l-impatti tiegħu u l-adattament meħtieġ.
F’konformità mal-Liġi Ewropea dwar il-Klima, il-Kummissjoni Ewropea tirrieżamina regolarment il-progress tal-Istati Membri fl-adattament għat-tibdil fil-klima, inkluż dwar il-perikli osservati u futuri relatati mal-klima, li l-pajjiżi huma mitluba jirrapportaw dwarhom kull sentejn.
Il-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili jirrikjedi li l-Istati Membri tal-UE u Stati parteċipanti oħra jibagħtu valutazzjonijiet perjodiċi tar-riskju nazzjonali lill-Kummissjoni.
For references, please go to https://eea.europa.eu./mt/highlights/il-perikli-klimatici-qed-jizdiedu or scan the QR code.
PDF generated on 23 Dec 2024, 03:46 AM
Engineered by: Tim tal-Web tal-EEA
Software updated on 26 September 2023 08:13 from version 23.8.18
Software version: EEA Plone KGS 23.9.14
Dokument ta’ Azzjonijiet
Ikkondividi ma’ oħrajn