All official European Union website addresses are in the europa.eu domain.
See all EU institutions and bodiesGħin lill-pjaneta tagħna, ipprintja din il-paġna biss jekk ikollok bżonnha. Anke azzjoni żgħira tista’ tagħmel differenza enormi meta jagħmluha miljuni ta’ persuni!
News
It-tibdil fil-klima ser ikompli għal ħafna diċenji li ġejjin. L-iskala tat-tibdil fil-klima futur u l-impatti tiegħu ser jiddependu mill-effikaċja ta’ l-implimentazzjoni tal-ftehimiet globali tagħna biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet b'effett serra, iżda wkoll biex niżguraw li għandna l-istrateġiji ta’ adattament u l-politiki tajbin fis-seħħ biex jitnaqqsu r-riskji mill-estremitajiet klimatiċi attwali u previsti.
Hans Bruyninckx, id-Direttur Eżekuttiv ta’ l-EEA
Skont ir-rapport “Climate change, impacts and vulnerability in Europe 2016” (“It-Tibdil fil-Klima, Impatti u Vulnerabbiltà fl-Ewropa 2016”), it-tibdil osservat fil-klima diġà qed ikollu impatti b'firxa wiesgħa fuq l-ekosistemi, l-ekonomija u fuq is-saħħa tal-bniedem u l-benesseri fl-Ewropa. Qed ikomplu jiġu stabbiliti rekords ġodda fuq temperaturi globali u Ewropej, il-livelli tal-baħar u t-tnaqqis tas-silġ tal-baħar fl-Artiku. Il-mudelli tal-preċipitazzjoni qed jinbidlu, ġeneralment jagħmlu r-reġjuni umdużi fl-Ewropa aktar umdi u r-reġjuni xotti aktar xotti. Il-volum tal-ġlaċieri u l-kisjiet bil-borra qed jonqsu. Fl-istess ħin, l-estremitajiet relatati mal-klima bħal mewġiet tas-sħana, il-preċipitazzjoniet qawwijin u n-nixfiet, qed jiżdiedu fil-frekwenza u fl-intensità f’ħafna reġjuni. Previżjonijiet klimatiċi mtejba jipprovdu aktar evidenza li l-estremitajiet relatati mal-klima ser jiżdiedu f’ħafna reġjuni Ewropej.
“It-tibdil fil-klima ser ikompli għal ħafna diċenji li ġejjin. L-iskala tat-tibdil fil-klima futur u l-impatti tiegħu ser jiddependu mill-effikaċja ta’ l-implimentazzjoni tal-ftehimiet globali tagħna biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet b'effett serra, iżda wkoll biex niżguraw li għandna l-istrateġiji ta’ adattament u l-politiki tajbin fis-seħħ biex jitnaqqsu r-riskji mill-estremitajiet klimatiċi attwali u previsti,” qal Hans Bruyninckx, id-Direttur Eżekuttiv ta’ l-EEA.
Ir-reġjuni Ewropej kollha huma vulnerabbli għat-tibdil fil-klima, iżda xi reġjuni ser jesperjenzaw impatti aktar negattivi minn oħrajn. L-Ewropa tan-nofsinhar u tax-xlokk hija prevista li tkun hotspot tat-tibdil fil-klima, minħabba li hija mistennija li taffaċċja l-ogħla numru ta’ impatti avversi. Dan ir-reġjun diġà qed jesperjenza żidiet kbar fl-estremitajiet tas-sħana u t-tnaqqis fil-preċipitazzjoni u l-flussi tax-xmajjar, li komplew iżidu r-riskju ta’ nixfiet aktar severi, inqas produzzjoni mill-uċuħ tar-raba’, it-telf tal-bijodiversità u n-nirien fil-foresti. Mewġiet tas-sħana aktar frekwenti u tibdil fid-distribuzzjoni ta’ mard infettiv sensittiv għall-klima huma mistennija li jżidu r-riskji għas-saħħa tal-bniedem u l-benesseri.
Żoni kostali u għargħar f’partijiet tal-punent ta’ l-Ewropa huma wkoll meqjusa bħala hotspots peress li dawn jaffaċċjaw riskju akbar ta’ għargħar minn livelli tal-baħar li qed jogħlew u żieda possibbli fil-maltempati qawwija. It-tibdil fil-klima qed iwassal ukoll għal bidliet kbar fl-ekosistemi tal-baħar bħala riżultat ta’ l-aċidifikazzjoni tal-oċeani, it-tisħin u l-espansjoni tat-tnaqqis ta’ ossiġenu f’żoni mejta.
L-ekosistemi u l-attivitajiet umani fl-Artiku se jkunu wkoll affettwati b’mod qawwi minħabba ż-żieda partikolarment mgħaġġla fit-temperaturi ta’l-arja u tal-baħar u t-tidwib assoċjat ta’ l-art u tas-silġ tal-baħar.
Għalkemm xi reġjuni jistgħu wkoll jesperjenzaw xi impatti pożittivi, bħat-titjib tal-kundizzjonijiet ta’ l-agrikoltura f’partijiet ta’ l-Ewropa tat-tramuntana, il-parti l-kbira tar-reġjuni u tas-setturi se jkunu affettwati b’mod negattiv.
Ekosistemi u żoni protetti fl-Ewropa kollha huma taħt pressjoni mit-tibdil fil-klima u stress ieħor, bħat-tibdil fl-użu ta’ l-art. Ir-rapport jenfasizza li l-impatti tat-tibdil tal-klima huma theddida għall-bijodiversità fuq l-art u fl-ibħra. Ħafna speċi ta’ annimali u pjanti li qed jesperjenzaw tibdil fiċ-ċikli tal-ħajja tagħhom u qed jemigraw lejn it-tramuntana u lejn altitudnijiet aktar għoljin, filwaqt li bosta speċi invażivi stabbilixxew ruħhom jew espandew il-medda tagħhom. L-ispeċijiet tal-baħar, inklużi l-popolazzjonijiet tal-ħut kummerċjalment importanti, qegħdin ukoll jemigraw lejn it-tramuntana. Dan it-tibdil jaffettwa bosta servizzi tal-ekosistema u setturi ekonomiċi bħall-agrikoltura, il-forestrija u s-sajd.
L-effetti ewlenin tas-saħħa relatati mat-tibdil fil-klima huma marbutin ma’ avvenimenti ta’ temp estrem, tibdil fid-distribuzzjoni tal-mard sensittiv għall-klima, u tibdil fil-kundizzjonijiet ambjentali u soċjali. Fl-aħħar għaxar snin, l-għargħar tax-xmajjar u tal-kosta affettwa miljuni ta’ nies fl-Ewropa. L-effetti tas-saħħa jinvolvu korrimenti, infezzjonijiet, esponiment għall-perikli kimiċi u konsegwenzi fuq is-saħħa mentali. Il-mewġiet tas-sħana saru aktar frekwenti u intensi, u dan wassal għal għexieren ta’ eluf ta’ mwiet prematuri fl-Ewropa. Din it-tendenza hija prevista li tiżdied u tintensifika, sakemm ma jittiħdux miżuri ta’ adattament xierqa. It-tixrid ta’ l-ispeċi tal-qurdien, in-nemusa tigra Asjatika u ġarriera ta’ mard ieħor iżid ir-riskju tal-marda ta’ Lyme, l-enċefalite li ġejja mill-qurdien, id-deni tan-Nil tal-Punent, id-deni dengue, iċ-chikungunya u l-leishmaniasis.
L-ispejjeż ekonomiċi tat-tibdil tal-klima jistgħu jkunu għoljin ħafna. Sa mill-1980, l-avvenimenti estremi relatati mal-klima fil-pajjiżi membri ta’ l-EEA jammontaw għal aktar minn EUR 400 biljun ta’ telf ekonomiku. Stimi disponibbli tal-ispejjeż futuri tat-tibdil fil-klima fl-Ewropa jqisu biss xi setturi u juru inċertezza konsiderevoli. Madankollu, l-ispejjeż ta’ ħsara previsti mit-tibdil fil-klima huma l-ogħla fir-reġjun tal-Mediterran. L-Ewropa hija affettwata wkoll mill-impatti tat-tibdil fil-klima li jseħħu barra mill-Ewropa permezz ta’ effetti kummerċjali, l-infrastruttura, ir-riskji ġeopolitiċi u r-riskji tas-sigurtà, u l-migrazzjoni.
L-integrazzjoni ta’ l-adattament tat-tibdil fil-klima f’politiki oħra qed tagħmel progress iżda tista’ tittejjeb aktar. Azzjonijiet ulterjuri oħra possibbli jinkludu titjib fil-koerenza ta' politika f’oqsma ta’ politiki differenti u livelli ta’ governanza (l-UE, transnazzjonali, nazzjonali u sottonazzjonali), approċċi ta’ ġestjoni adattiva iktar flessibbli, u l-kombinament ta’ soluzzjonijiet teknoloġiċi, approċċi bbażati fuq l-ekosistema u miżuri ‘rotob'.
L-iżvilupp u l-użu ta’ servizzi tal-klima u ta’ adattament qed jiżdiedu fl-Ewropa. Għarfien imtejjeb ikun utli f’diversi oqsma, pereżempju, dwar il-vulnerabbiltà u l-valutazzjonijiet tar-riskju fi skali varji u dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-evalwazzjoni ta’ azzjonijiet ta’ adattament, l-ispejjeż u l-benefiċċji tagħhom, u s-sinerġiji u kompromessi ma’ politiki oħra.
Ir-rapport huwa valutazzjoni abbażi tal-indikatur tat-tibdil fil-klima tal-passat u dak previst u l-impatti tiegħu fuq l-ekosistemi u s-soċjetà. Dan jagħti ħarsa wkoll lejn il-vulnerabbiltà tas-soċjetà għal dawn l-impatti u għall-iżvilupp ta’ politiki ta’ adattament u l-bażi ta’ għarfien sottostanti.
Ir-rapport ġie żviluppat mill-EEA b'kollaborazzjoni maċ-Ċentru Konġunt ta’ Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea, iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, l-Uffiċċju Reġjonali għall-Ewropa ta’l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u tliet Ċentri Tematiċi Ewropej (ETC-CCA, ETC-BD, ETC-ICM). Dan huwa r-raba’ rapport dwar “It-tibdil fil-klima, impatti u vulnerabbiltà fl-Ewropa”, li huwa ppubblikat kull erba’ snin. Din l-edizzjoni għandha l-għan li tappoġġa l-implimentazzjoni u l-proċess ta’ rieżami tal-Istrateġija tal-UE għall-Adattament tal-2013, li hija prevista għall-2018, u l-iżvilupp ta’ strateġiji u pjanijiet ta' adattament nazzjonali u transnazzjonali.
For references, please go to https://eea.europa.eu./mt/highlights/fl-ewropa-it-tibdil-fil or scan the QR code.
PDF generated on 22 Nov 2024, 07:23 PM
Engineered by: Tim tal-Web tal-EEA
Software updated on 26 September 2023 08:13 from version 23.8.18
Software version: EEA Plone KGS 23.9.14
Dokument ta’ Azzjonijiet
Ikkondividi ma’ oħrajn