li jmiss
preċedenti
punti

News

L-esponiment tal-pubbliku għal Bisfenol A użat b’mod wiesa’ jaqbeż il-livelli aċċettabbli ta’ sikurezza tas-saħħa

Biddel il-lingwa
News Ippubblikat 01 Feb 2024 Mibdul l-aħħar 02 Feb 2024
3 min read
Photo: © Annette from Pixabay
L-esponiment tal-popolazzjoni għas-sustanza kimika sintetika Bisfenol A (BPA), li tintuża f’kollox minn kontenituri tal-ikel tal-plastik u tal-metall għal fliexken tal-ilma li jistgħu jerġgħu jintużaw, u pajpijiet tal-ilma tax-xorb fl-Ewropa, huwa ferm ogħla mil-livelli aċċettabbli tas-sikurezza tas-saħħa, skont data aġġornata tar-riċerka. Dan joħloq riskju potenzjali għas-saħħa ta’ miljuni ta’ persuni, jgħid tgħarrif tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) ippubblikat illum.

Bis-saħħa tal-proġett ta’ riċerka innovattiv tal-UE dwar il-bijomonitoraġġ uman, nistgħu naraw li l-Bisfenol A joħloq riskju ħafna aktar mifrux għal saħħitna, milli kien maħsub qabel. Irridu nieħdu r-riżultati ta’ din ir-riċerka bis-serjetà u nieħdu aktar azzjoni fil-livell tal-UE biex nillimitaw l-esponiment għal sustanzi kimiċi li joħolqu riskju għas-saħħa tal-Ewropej.

Leena Ylä-Mononen, Direttriċi Eżekuttiva tal-EEA

It-tgħarrif tal-EEA, abbażi tad-data miġbura minn studju tal-UE dwar il-bijomonitoraġġ uman, sab li sa 100% tal-persuni li kienu qed jipparteċipaw minn 11-il pajjiż tal-UE x’aktarx li kienu esposti għas-sustanza kimika ’il fuq mil-limiti tas-saħħa sikuri. Dan iqajjem tħassib sinifikanti dwar is-saħħa għall-popolazzjoni usa’ tal-UE. It tgħarrif tal-EEA  jippreżenta l-informazzjoni l-aktar reċenti dwar l-esponiment tal-bniedem għall-Bisfenol A, filwaqt li jqis il-proġett ta’ riċerka dwar il-bijomonitoraġġ uman iffinanzjat mill-UE li ġie konkluż reċentement (HBM4EU). It-tgħarrif jenfasizza wkoll ir-riskji potenzjali għas-saħħa li jirriżultaw minn persuni esposti għal livelli mhux sikuri tal-BPA.

 

L-impatt ta’ Bisfenol A fuq saħħitna

L-UE hija dejjem aktar imħassba dwar l-użu ta’ volum għoli ta’ Bisfenol A f’ħafna prodotti għall-konsumatur u l-impatt tiegħu fuq is-saħħa tal-bniedem. Il-persuni huma esposti għall-BPA prinċipalment permezz tad-dieta minħabba li l-BPA huwa preżenti f’firxa ta’ plastiks użati b’mod komuni fl-imballaġġ għall-ikel u x-xorb. F’April, l-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) ippubblikat l-opinjoni xjentifika l-aktar reċenti tagħha li tevalwa mill-ġdid ir-riskji għas-saħħa pubblika minħabba l-esponiment għall-BPAĠie konkluż ukoll li hemm tħassib attwali dwar is-saħħa mill-esponiment dijetetiku għall-BPA, speċjalment minn prodotti tal-ikel fil-laned, li nstab li huwa s-sors ta’ esponiment l-aktar importanti għall-gruppi ta’ età kollha.

L-EFSA tikkonkludi li l-BPA jista’ jagħmel ħsara lis-sistema immunitarja tal-bniedem f’dożi baxxi ħafna. Dan iseħħ flimkien ma’ numru ta’ effetti ta’ ħsara li ġew skoperti qabel fuq is-saħħa tal-bniedem bħal tfixkil endokrinali, tnaqqis fil-fertilità u reazzjonijiet allerġiċi tal-ġilda.

Id-datadwar il-bijomonitoraġġ uman tal-HBM4EU l-aktar reċenti tappoġġa l-konklużjoni tal-EFSA li hemm tħassib dwar is-saħħa għall-Ewropej mill-esponiment għall-BPA. Il-bijomonitoraġġ uman jipprovdi kejl attwali tal-esponiment intern totali li jirriżulta minn diversi sorsi ta’ esponiment. Id-datatal-bijomonitoraġġ dwar il-livelli ta’ Bisfenol A fl-urina umana turi li l-esponiment għadu għoli wisq, minkejja l-miżuri regolatorji differenti li ġew introdotti mill-2015.

 

Aktar informazzjoni dwar ir-riċerka dwar il-bijomonitoraġġ uman

Il-proġett Ewropew tal-bijomonitoraġġ uman, HBM4EU, twettaq minn Jannar 2017 sa Ġunju 2022. Dan iġġeneradataarmonizzata fl-Ewropa kollha dwar il-bijomonitoraġġ uman dwar l-okkorrenza ta’ sustanzi kimiċi fil-popolazzjoni Ewropea u l-impatti assoċjati fuq is-saħħa.

Bisfenol A u żewġ bisphenols oħra użati bħala sostituti għall-BPA (bisphenol S u bisphenol F) tkejlu fl-urina minn 2 756 adult minn madwar 11-il pajjiż, jiġifieri l-Kroazja, iċ-Ċekja, id-Danimarka, Franza, il-Finlandja, il-Ġermanja, l-Iżlanda, il-Lussemburgu, il-Polonja, il-Portugall u l-Iżvizzera, li jirrappreżentaw it-tramuntana, il-lvant, in-nofsinhar u l-punent tal-Ewropa. Fil-pajjiżi li pparteċipaw fil-bijomonitoraġġ għall-BPA, il-livell ta’ qbiż varja bejn 71% u 100%. Għalhekk, l-esponiment tal-popolazzjoni għall-BPA fl-Ewropa huwa għoli wisq u jikkostitwixxi tħassib potenzjali għas-saħħa.

Għandu jkun innotat li l-limitu ta’ kwantifikazzjoni tal-metodi analitiċi użati għall-monitoraġġ tal-BPA fl-urina tal-bniedem huwa ogħla mill-valur ta’ gwida dwar il-bijomonitoraġġ uman (HBM-GV). Dan ifisser li l-qabżiet irrappurtati huma numri minimi; il-probabbiltà teżisti li fil-fatt, il-11-il pajjiż kollha għandhom rati ta’ qbiż ta’ 100% esposti ’l fuq mil-livelli sikuri.

Għal iktar informazzjoni dettaljata

Permalinks

Geographic coverage

Temporal coverage

Tags

Filed under:
Filed under: bisphenol a
Dokument ta’ Azzjonijiet