li jmiss
preċedenti
punti

News

Kompetizzjoni għal vidjo: Ikkondividi l-azzjonijiet ekoloġiċi tiegħek

Biddel il-lingwa
News Ippubblikat 01 Dec 2017 Mibdul l-aħħar 03 Jan 2018
2 min read
Photo: © Andrei Marin, My City /EEA
Kif ġejt ix-xogħol jew l-iskola llum? Bil-karozza, bir-rota jew bit-trasport pubbliku? Kuljum aħna nieħdu deċiżjonijiet li jista’ jkollhom impatt fuq l-ambjent. Xi wħud mid-deċiżjonijiet tagħna ta’ kuljum huma sforzi konxji għal għixien f’ambjent iktar nadif u iktar favorevoli għas-saħħa. Il-kompetizzjoni għal vidjo ‘I LIVE GREEN’, organizzata mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) u n-netwerk sieħeb tagħha, tistieden lill-Ewropej kollha sabiex juru l-kreattività tagħhom u jikkondividu l-azzjonijiet tagħhom biex jgħinu lill-ambjent. L-aħjar vidjos ser jirċievu premju fi flus.

Dak li nieklu u nixtru, kif niċċaqilqu minn post għal ieħor jew kif insaħħnu darna, u ħafna għażliet oħra kbar u żgħar għandhom impatt fuq l-ambjent u fuq saħħitna. Fil-kompetizzjoni għal vidjo ‘I LIVE GREEN’, l-Ewropej jistgħu jikkondividu l-azzjonijiet ekoloġiċi tagħhom permezz ta’ vidjos qosra, jivvutaw għall-aħjar klipps tal-vidjos, u jkunu ta’ ispirazzjoni għal oħrajn biex saħansitra jagħmlu aktar.

Filwaqt li inti tista’ tieħu azzjonijiet ekoloġiċi fi kważi kwalunkwe qasam ta’ ħajtek, ‘I LIVE GREEN’ tiffoka fuq erba’ suġġetti:

1. Ikel sostenibbli

L-ikel nutrittiv huwa essenzjali għal ħajja favorevoli għas-saħħa. Iżda, il-produzzjoni ta’ l-ikel teħtieġ riżorsi siewja, bħall-art u l-ilma. Kull darba li naħlu l-ikel, inkunu qed naħlu wkoll dawn ir-riżorsi. Barra minn hekk, il-pestiċidi u l-fertilizzanti jista’ jkollhom impatt fuq il-ħamrija u l-ilma ta’ taħt l-art. X’tagħmel biex tnaqqas l-impatti ambjentali ta’ l-ikel fil-platt tiegħek?

2. Arja nadifa

Ħafna attivitajiet ekonomiċi mit-trasport sa l-agrikoltura jirrilaxxaw sustanzi li jniġġsu l-arja. Madankollu, id-drawwiet ta’ kuljum tagħna jistgħu jgħinu jtejbu l-kwalità ta’ l-arja, u jagħtu spinta lis-saħħa u lill-kwalità tal-ħajja tagħna stess. X’inhuma l-għażliet li tagħmel inti bħala kontribut għal arja iktar nadifa?

3. Ilma nadif

Il-lagi, ix-xmajjar u l-ibħra tagħna jinsabu taħt ħafna pressjoni, inkluż mit-tibdil fil-klima u mit-tniġġis. F’ħafna reġjuni fl-Ewropa kollha, aħna nużaw ir-riżervi tagħna ta’ l-ilma ta’ taħt l-art b’mod aktar mgħaġġel minn dak li bih jimtlew. Dawn il-pressjonijiet għandhom impatti fuq in-natura u fuq saħħitna stess. Kif nistgħu ngħinu biex ir-riżorsi ta’ l-ilma jinżammu nodfa u mingħajr tniġġis?

4. Skart minimu

Ħafna drabi l-affarijiet li nixtru jkollhom skadenza limitata iżda hemm modi kif nistgħu nevitaw li jispiċċaw f’landfill. Forsi tista’ tkun ta’ eżempju tajjeb għall-oħrajn u turi kif terġa’ tuża, kif issewwi jew kif tirriċikla xi oġġett?

Iċċekkja r-regoli tal-kompetizzjoni u kif tipparteċipa fil-paġna ‘I LIVE GREEN’.

Skeda

Is-sottomissjonijiet jiftħu

fl-1 ta’ Diċembru 2017

Is-sottomissjonijiet jagħlqu

Fil-31 ta’ Marzu 2018

Il-vot tal-pubbliku jiftaħ

Fl-1 ta’ Mejju 2018

Il-vot tal-pubbliku jagħlaq

Fil-31 ta’ Mejju 2018

Ir-rebbieħa jitħabbru

Fil-5 ta’ Ġunju 2018

Premjijiet

Ir-rebbieħa f’kull kategorija (Ikel sostenibbli, Arja nadifa, Ilma nadif, u Skart minimu) ser jingħataw premju fi flus ta’ EUR 1000.  Il-Premju ta’ l-Għażla tal-Pubbliku, magħżul permezz tal-vot online, huwa ta’ EUR 500.

Permalinks

Geographic coverage

Temporal coverage

Dokument ta’ Azzjonijiet