All official European Union website addresses are in the europa.eu domain.
See all EU institutions and bodiesGħin lill-pjaneta tagħna, ipprintja din il-paġna biss jekk ikollok bżonnha. Anke azzjoni żgħira tista’ tagħmel differenza enormi meta jagħmluha miljuni ta’ persuni!
Article
Dines Mikaelsen jissoda r-rajfil tiegħu mal-pruwa tad-dgħajsa tiela’ u nieżla bil-mod, jikkargaha ċ-ċejmber u jagħmel sinjal lil sħabu biex joqogħdu kwieti. Il-kaċċatur Inuit diġà ma laqatx darbtejn. Jagħfas il-grillu. Tifqigħa qawwija tirbombja lura mill-icebergs u, tul ta’ grawnd tal-futbol ’il bogħod, tikkollassa foka.
L-erba’ sħab ta’ Dines — turisti — jinstamtu. Huma ġew appuntu biex jaraw dan imma xorta jħossuhom ixxukkjati xi ftit. Dines u t-turisti li issa jiddependi fuqhom għal perċentwal għoli tad-dħul tiegħu, għadhom ma tantx jafu ’l xulxin. Waqt li kulturi oħra jgħixu kważi għal kollox fuq qatgħat puliti ta’ laħam miksi fis-selofejn, il-kaċċa u l-forom tradizzjonali tat-trobbija tal-annimali għadhom fiċ-ċentru tal-kulturi fl-Artiku.
Il-kultura u l-pajsaġġ tal-Artiku, eżatt bħan-negozju turistiku żgħir ta’ Dines, qed ikunu ffurmati minn żewġ forzi qawwija: il-globalizzazzjoni u l-bidla fil-klima. Il-globalizzazzjoni ġabet l-MTV, l-iPods, sistemi ta’ navigazzjoni l-aktar moderni, u espożizzjoni akbar għad-dinja ta’ barra. Il-bidla fil-klima qed tittrasforma l-pajsaġġ iffriżat, iddewweb il-glaċieri u tiftaħ il-passaġġi fil-baħar. Dan joffri xi opportunitajiet ġodda. Il-vapuri tal-kruċiera bdew jidhru għall-ewwel darba f’Tasiilaq, ir-raħal ta’ Dines fuq il-gżira Ammassalik ħdejn il-kosta għerja u miftuħa għall-irjieħ fil-lvant ta’ Greenland. Fl-2006 waslu erba’ vapuri tal-kruċiera; is-sena ta’ wara saru tmienja. ‘Ħames snin ilu, ma kienx hemm dubbien fit-tramuntana ta’ Greenland. Issa għandhom. Hawnhekk id-dubbien jasal xahar qabel ma kienu jaslu s-soltu,’ jgħid Dines. It-temp jinħass li hu aktar sħun. It-temperaturi tas-sajf f’Tasiilaq laħqu t-22 grad fis-sjuf riċenti — u kisru r-rekords ta’ qabel.
X’inhu l-Artiku?L-Artiku huwa żona enormi, mifruxa fuq parti minn sitta tal-massa tal-art tad-dinja; erbgħa u għoxrin żona tal-ħin u aktar minn 30 miljun km2. Il-parti l-kbira tar-reġjun tal-Artiku hija miksija bl-oċean, fond sa 4 km, imma hemm ukoll firxiet kbar ta’ art. L-Artiku huwa abitat b’xi 4 miljun persuna, inklużi aktar minn 30 poplu indiġenu. Tmien stati (il-Kanada, id-Danimarka/Greenland, il-Finlandja, l-Islanda, in-Norveġja, il-Federazzjoni Russa, l-Iżvezja u l-Istati Uniti) għandhom territorji fir-reġjun tal-Artiku. Ħamsa minnhom huma pajjiżi membri tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, li minnhom tlieta huma Stati Membri tal-UE. |
Il-bidla fil-klima qed ikollha impatt ikbar fl-Artiku milli f’postijiet oħra. It-temperaturi fl-Artiku żdiedu bid-doppju tal-medja globali matul l-aħħar 50 sena.(19) L-Istudju Catlin tal-Artiku, imwettaq fir-rebbiegħa tal-2009, studja s-silġ fuq rotta ta’ 280 mil matul il-Baħar Beaufort, lokalizzat fil-muntanji tat-tramuntana tal-Artiku. Bħala medja, is-silġ kien sitt piedi fond u kellu sena. Is-silġ tal-baħar aktar qadim, aktar oħxon u aktar stabbli qiegħed jisparixxi. Fl-2008, ir-rotot tal-vapuri fl-Artiku fil-Passaġġ tal-Majjistral u l-Passaġġ tal-Grigal kienu navigabbli bid-dgħajsa għal żmien qasir fis-sajf għall-ewwel darba minn meta bdew jinżammu r-rekords.
L-impatti jheddu li jeqirdu n-netwerk delikat ta’ ekosistemi Artiċi, li diġà qed jinbidlu b’mod imgħaġġel. B’mod partikulari s-silġ tal-baħar tal-Artiku qed jikkawża tħassib. Is-silġ u l-baħar ta’ taħtu huma l-abitat ta’ tiżwiqa ta’ ħajja — kollha fir-riskju minħabba t-tisħin globali.
L-orsijiet polari qed imutu bil-ġuħ minħabba li s-silġ l-eqreb tal-baħar, il-post ippreferit tal-orki biex jistrieħu, huwa irqiq wisq biex jiflaħhom. Għasafar migratorji li jqattgħu s-sajf fl-Artiku qed jitilfu l-istaġun tar-rebbiegħa bl-akbar ammont ta’ żahar, għax iseħħ tliet ġimgħat aktar kmieni — qabel ma jaslu huma.
Tniġġis u t-treddigħ tat-trabi(18)Ħafna inkwinanti perikolużi, inklużi kimiċi agrikoli, retardanti tal-fjammi, metalli tqal u materjal radjuattiv, ilu jkollhom impatt fuq l-Artiku u n-nies li jgħixu hemm għal għexieren ta’ snin. Tniġġis minn postijiet oħra jinġarr sal-Artiku mir-riħ u l-baħar. Minħabba t-temperaturi baxxi, l-inkwinanti bħad-DDT ma jinħallux u minflok jibqgħu fl-ilma. Meta jkunu assorbiti minn tessut xaħmi, bħal-laħam tal-foki, dawn il-kimiċi jaslu għand il-popolazzjoni lokali. Għaldaqstant, f’xi partijiet tal-Artiku, l-ommijiet li jreddgħu jingħataw parir biex jissuplimentaw l-ikel tat-trabi żgħar b’ħalib tal-bott biex inaqqsu l-espożizzjoni. |
Għal ħafna minna, l-Artiku jista’ jidher remot ħafna fir-rigward tal-ġografija u r-rilevanza. Madankollu, ir-reġjun iwettaq irwol ewlieni fir-regolazzjoni tal-klima tad-dinja. Jekk il-bidla fil-klima tkompli bir-rati previsti, se jkollha konsegwenzi profondi għalina lkoll.
Il-poli tat-tramuntana u tan-nofsinhar iwettqu rwol vitali fir-regolazzjoni tal-klima tad-Dinja — jaġixxu bħala s-sistema ta’ tberrid tagħna. Tnaqqis fil-kopertura tal-borra ifisser li d-Dinja tassorbi aktar sħana mix-xemx u l-kurrenti tal-oċeanu jiċċaqalqu. L-Oċean Artiku, taħlita ta’ ilma ħelu li dab u ilma baħar, jinfluwenza l-kurrenti tal-oċean madwar id-dinja. Xi xjenzati jemmnu li wisq ilma ħelu li dab jista’ attwalment ‘jitfi’ wħud minn dawn il-kurrenti tal-baħar, li jwettqu rwol kruċjali fil-klima aktar lejn in-nofsinhar.
Ir-reġjun tal-Artiku hija wkoll l-abitat ta’ miljuni ta’ nies, ħafna minnhom minn popolazzjonijiet uniċi u indiġeni. Dawn in-nies u l-kulturi tagħhom jinsabu wkoll f’riskju.
Silġ tal-baħar u glaċieri tal-Artiku li jdubu se jiftħu żoni ġodda għall-isfruttament mill-bniedem. Huwa mistenni li ħafna attivitajiet ekonomiċi fl-Artiku se jiżdiedu fl-għexieren ta’ snin li ġejjin. Is-sajd se jibda jsir aktar fit-tramuntana meta s-silġ jirtira; ir-riżorsi taż-żejt u speċjalment tal-gass fl-Artiku se jkunu sfruttati; it-turiżmu diġà qiegħed jespandi; it-trasport bil-baħar probabbilment jiżdied flimkien mal-esportazzjoni tar-riżorsi tal-Artiku.
It-trasport interkontinentali tal-merkanzija jista’ jiżdied minħabba aktar ilma miftuħ u silġ irqaq, imma jeħtieġ żvilupp ta’ bastimenti u infrastruttura. L-estrazzjoni tal-minerali, l-injam u riżorsi oħra jista’ jiżdied ukoll. Id-diversi pajjiżi tal-Artiku jistgħu jibdew jikkompetu ma’ xulxin għall-kontroll tar-riżorsi, it-territorju u r-rotot tat-trasport bil-baħar. Il-bilanċ bejn il-potenzjal li jġib miegħu Artiku aktar sħun u r-riskji (bħat-tixrid taż-żejt u l-impatti ambjentali) jirrappreżenta sfida sinifikanti — sfida li teħtieġ bidliet fil-mod kif huwa rregolat l-Artiku.
F’partijiet oħra tad-dinja, l-isfida ambjentali hija li jkunu stabbiliti mill-ġdid l-ekosistemi li saritilhom il-ħsara. Fl-Artiku, għad għandna ċ-ċans li nipproteġu dak li hu, fil-parti l-kbira, ambjent uniku. Is-sistema preżenti ta’ governanza tal-Artiku hija fframmentata ħafna. Waqt li firxa wiesgħa ta’ ftehimiet internazzjonali japplikaw għall-Artiku, huma ma sarux speċifikament għar-reġjun u l-implimentazzjoni u l-infurzar tagħhom isiru bl-iskossi, anki fost l-istati tal-Artiku.
F’Novembru 2008, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat dokument b’deskrizzjoni qasira tal-interessi tal-UE fir-reġjun u tipproponi sett ta’ azzjonijiet għall-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE. Hija l-ewwel pass lejn politika integrata tal-UE għall-Artiku. L-objettivi ewlenin tal-UE huma:
li tipproteġi u tippreserva l-Artiku f’unjoni mal-popolazzjoni tiegħu
li tippromwovi l-użu sostenibbli tar-riżorsi
li tikkontribwixxi għal governanza multilaterali mseddqa tal-Artiku
Orsijiet polari fuq dieta involontarjaIl-bidla fil-klima qed tikkawża telf fil-piż fost l-orsijiet polari kif is-silġ jibda jinħall aktar u aktar kmieni kull rebbiegħa, skond ‘Sinjali tal-Bidla fil-Klima fin-Natura Nordika’, rapport ġdid tal-Kunsill tal-Ministri Nordiku. It-taħlil kmieni jirrestrinġi l-għadd tal-foki li l-orsijiet jistgħu jikkaċċjaw. F’ċerti partijiet tal-Artiku l-mara medja issa tiżen 225 kg biss, li huwa 25 % inqas minn għoxrin sena ilu. Jekk ix-xejra tkompli, hemm riskju li l-ors polari jisparixxi għal kollox minn xi partijiet tal-Artiku. Ir-rapport jidentifika indikaturi li jgħinu jikkwantifikaw l-impatt tal-bidla fil-klima u li jsegwu l-iżviluppi fl-ekosistemi Nordiċi. L-14-il indikatur jiddeskrivu l-impatt tat-tisħin globali, pereżempju fuq l-istaġun tat-tkabbir u l-għabra tad-dakra, u l-istokks tal-ħut u l-plankton. L-istaġuni tal-għabra tad-dakra qed jibdew aktar u aktar kmieni, u jagħmlu l-ħajja aktar diffiċli għal dawk li jbatu bl-allerġiji. Pereżempju, f’partijiet tad-Danimarka, in-Norveġja u l-Islanda, l-istaġun tat-trab tal-għabra tal-betula issa jibda xahar aktar kmieni milli kien fit-tmeninijiet. |
18. Evalwazzjoni Amap 2009: Is-Saħħa tal-Bniedem fl-Artiku
19. IPCC 2007, Previżjoni ta’ tmien is-seklu 21
For references, please go to https://eea.europa.eu./mt/articles/l-artiku or scan the QR code.
PDF generated on 23 Nov 2024, 02:27 AM
Engineered by: Tim tal-Web tal-EEA
Software updated on 26 September 2023 08:13 from version 23.8.18
Software version: EEA Plone KGS 23.9.14
Dokument ta’ Azzjonijiet
Ikkondividi ma’ oħrajn