All official European Union website addresses are in the europa.eu domain.
See all EU institutions and bodiesGħin lill-pjaneta tagħna, ipprintja din il-paġna biss jekk ikollok bżonnha. Anke azzjoni żgħira tista’ tagħmel differenza enormi meta jagħmluha miljuni ta’ persuni!
News
Filwaqt li diġà ttieħdu passi bbażati fuq politiki Ewropej u internazzjonali, hemm bżonn ta’ ħafna aktar għal bidla fundamentali lejn settur tat-trasport marittimu sostenibbli li jikkontribwixxi biex jiġu żgurati l-benesseri u s-sopravivenza futuri tal-ekosistemi u ż-żoni kostali l-aktar sensittivi tagħna, u l-benesseri tal-Ewropej
Hans Bruyninckx, Direttur Eżekuttiv tal-EEA
B’77 % tal-kummerċ estern Ewropew u 35 % tal-kummerċ kollu skont il-valur bejn l-Istati Membri tal-UE mċaqalqa bil-baħar, it-trasport marittimu huwa parti ewlenija tal-katina ta’ provvista internazzjonali. Minkejja tnaqqis fl-attività tat-tbaħħir fl-2020 minħabba l-effetti tal-pandemija tal-COVID-19, is-settur huwa mistenni li jikber b’mod qawwi matul id-deċennji li ġejjin, xprunat minn domanda dejjem tikber għar-riżorsi primarji u t-tbaħħir tal-kontejners.
F’dan l-isfond, ir-Rapport dwar l-Ambjent tat-Trasport Marittimu Ewropew, imniedi llum mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima, jimmarka l-ewwel kontroll komprensiv tas-saħħa tas-settur. Ir-rapport juri li l-bastimenti jipproduċu 13.5 % tal-emissjonijiet kollha ta’ gassijiet serra mit-trasport fl-UE, wara l-emissjonijiet mit-trasport bit-triq (71 %) u mill-avjazzjoni (14.4 %). L-emissjonijiet tad-diossidu tal-kubrit (SO2) minn bastimenti li jidħlu f’portijiet Ewropej ammontaw għal madwar 1.63 miljun tunnellata fl-2019, ċifra li mistennija tkompli tonqos matul id-deċennji li ġejjin minħabba regoli u miżuri ambjentali aktar stretti.
It-trasport marittimu huwa stmat li kkontribwixxa għall-fatt li l-livelli ta’ storbju taħt l-ilma fl-ilmijiet tal-UE żdiedu b’aktar mid-doppju bejn l-2014 u l-2019 u kien responsabbli għal nofs l-ispeċi aljeni kollha introdotti fl-ibħra Ewropej mill-1949. Madankollu, għalkemm il-volum ta’ żejt ittrasportat bil-baħar kien qed jiżdied b’mod stabbli, matul l-aħħar deċennju kien hemm biss tmien tixridiet aċċidentali medji sa kbar ta’ tankers taż-żejt minn total dinji ta’ 62 li seħħew fl-ilmijiet tal-UE.
Ir-rapport konġunt jivvaluta l-istat attwali tas-soluzzjonijiet emerġenti tas-sostenibbiltà tat-trasport marittimu, inklużi l-fjuwils alternattivi, il-batteriji u l-provvista tal-elettriku mix-xatt, u jipprovdi stampa komprensiva tal-użu tagħhom fl-UE. Dan jiddeskrivi wkoll l-isfidi futuri kkawżati mit-tibdil fil-klima għall-industrija, inkluż l-impatt potenzjali taż-żieda fil-livelli tal-baħar fuq il-portijiet.
“L-Istrateġija għal Mobilità Sostenibbli u Intelliġenti tagħna tagħmilha ċara li l-modi kollha tat-trasport jeħtieġ li jsiru aktar sostenibbli, aktar intelliġenti u aktar reżiljenti — inkluż it-tbaħħir. Għalkemm it-trasport marittimu tejjeb l-impronta ambjentali tiegħu fis-snin li għaddew, xorta għadu qed jiffaċċja sfidi kbar f’dak li jirrigwarda d-dekarbonizzazzjoni u t-tnaqqis tat-tniġġis. Abbażi tal-aħħar evidenza kollha, il-politiki tagħna għandhom l-għan li jgħinu lis-settur jiffaċċja dawn l-isfidi, billi jisfruttaw bl-aħjar mod is-soluzzjonijiet innovattivi u t-teknoloġiji diġitali. B’dan il-mod, it-trasport marittimu jista’ jkompli jikber u jwassal il-ħtiġijiet ta’ kuljum taċ-ċittadini tagħna, f’armonija mal-ambjent, filwaqt li jżomm il-kompetittività tiegħu u jkompli joħloq impjiegi ta’ kwalità,” qalet Adina Vălean, il-Kummissarju tal-UE għat-Trasport.
“Dan ir-rapport konġunt jagħtina ħarsa ġenerali eċċellenti lejn l-isfidi attwali u futuri relatati mat-trasport marittimu. Il-messaġġ huwa ċar: it-trasport marittimu huwa mistenni li jiżdied fis-snin li ġejjin u sakemm ma naġixxux issa, is-settur se jipproduċi dejjem aktar emissjonijiet ta’ gassijiet serra, sustanzi li jniġġsu l-arja u storbju taħt l-ilma. Tranżizzjoni bla xkiel iżda rapida tas-settur hija kruċjali biex jintlaħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u nimxu lejn in-newtralità karbonika. Dan se joħloq ukoll opportunitajiet ekonomiċi ġodda għall-industrija Ewropea tat-trasport bħala parti mit-tranżizzjoni meħtieġa għal ekonomija blu sostenibbli. L-isfida hija enormi, iżda għandna t-teknoloġiji, ir-riżorsi u r-rieda li nindirizzawha,” qal Virginijus Sinkevičius, Kummissarju Ewropew għall-Ambjent, l-Oċeani u s-Sajd.
“Is-sostenibbiltà xprunata mill-innovazzjoni hija opportunità għat-tbaħħir biex titlesta trasformazzjoni fuq l-istess skala bħas-sostituzzjoni tal-qlugħ bl-istim. Din ir-rivoluzzjoni marittima ġdida se tiddependi minn vapuri żviluppati permezz ta’ teknoloġija avvanzata u soluzzjonijiet diġitali, iżda wkoll minn proċess b’saffi multipli u kompletament inklużiv fil-livell nazzjonali, Ewropew u internazzjonali li jinkludi aspetti ta’ sikurezza, sigurtà u soċjali kif ukoll dawk ambjentali. Iżda, ir-rwol tat-tbaħħir huwa kruċjali wkoll bħala ħolqa f’katina loġistika tranżnazzjonali. Dan ifisser li kull parti ta’ dik il-katina — mill-portijiet għas-settur tal-bini tal-bastimenti, mill-ispedituri għas-setturi finanzjarji privati u pubbliċi — għandha tiġi inkluża fl-isforz tagħna lejn is-sostenibbiltà,” qalet Maja Markovčić Kostelac, Direttriċi Eżekuttiva tal-EMSA.
“Filwaqt li s-settur tat-trasport marittimu tal-Ewropa għandu rwol vitali għall-benesseri ekonomiku tagħna, dan ir-rapport juri b’mod ċar li t-trasport marittimu fl-Ewropa u l-komunità internazzjonali kollha tat-tbaħħir għandhom responsabbiltà urġenti biex iżidu l-isforzi tagħhom biex inaqqsu l-impronta ambjentali ta’ dan is-settur. Filwaqt li diġà ttieħdu passi bbażati fuq politiki Ewropej u internazzjonali, hemm bżonn ta’ ħafna aktar għal bidla fundamentali lejn settur tat-trasport marittimu sostenibbli li jikkontribwixxi biex jiġu żgurati l-benesseri u s-sopravivenza futuri tal-ekosistemi u ż-żoni kostali l-aktar sensittivi tagħna, u l-benesseri tal-Ewropej,” qal Hans Bruyninckx, Direttur Eżekuttiv tal-EEA.
It-trasport marittimu tal-UE qed jiffaċċja deċennju kruċjali għal tranżizzjoni lejn settur aktar ekonomikament, soċjalment u ambjentalment sostenibbli. Skont ir-rapport, l-isforzi biex tiżdied l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija diġà wasslu biex il-biċċa l-kbira tal-bastimenti li jidħlu fl-UE jnaqqsu l-veloċità tagħhom b’sa 20 % meta mqabbla mal-2008, u b’hekk, naqsu wkoll l-emissjonijiet.
Barra minn hekk, il-fjuwils u s-sorsi tal-enerġija mhux tradizzjonali, bħall-bijofjuwils, il-batteriji, l-idroġenu jew l-ammonijaka qed jitfaċċaw bħala alternattivi possibbli għat-trasport marittimu, bil-potenzjal li s-settur jiġi dekarbonizzat u jwassal għal emissjonijiet żero. Il-provvista tal-elettriku mix-xatt (fejn il-bastimenti jitfu l-magni tagħhom u jaqbdu ma’ sors tal-enerġija fuq l-art filwaqt li jkunu rmiġġati fil-port) tista’ tipprovdi wkoll sors nadif ta’ enerġija fil-portijiet marittimi u ta’ navigazzjoni interna.
LINK GĦAR-RAPPORT U SKEDI INFORMATTIVI
EEA: https://www.eea.europa.eu/publications/maritime-transport/
EMSA: http://www.emsa.europa.eu/emter
KUNTATTI MAL-ISTAMPA
For references, please go to https://eea.europa.eu./mt/highlights/it-trasport-marittimu-tal-ue or scan the QR code.
PDF generated on 26 Nov 2024, 02:09 PM
Engineered by: Tim tal-Web tal-EEA
Software updated on 26 September 2023 08:13 from version 23.8.18
Software version: EEA Plone KGS 23.9.14
Dokument ta’ Azzjonijiet
Ikkondividi ma’ oħrajn