All official European Union website addresses are in the europa.eu domain.
See all EU institutions and bodiesGħin lill-pjaneta tagħna, ipprintja din il-paġna biss jekk ikollok bżonnha. Anke azzjoni żgħira tista’ tagħmel differenza enormi meta jagħmluha miljuni ta’ persuni!
Article
Minflok nagħmlu l-ħsara lill-ekosistemi għaliex ma nibdewx noħolquhom?
tgħid il-Professur Jacqueline McGlade
‘Minflok nagħmlu l-ħsara lill-ekosistemi għaliex ma nibdewx noħolquhom?’ tgħid il-Professur Jacqueline McGlade. ‘Għandna t-teknoloġija u l-ħiliet tad-disinn. Hemm eżempji tal-ġejjieni madwar l-Ewropa imma dawn huma rqajja’ żgħar tal-innovazzjoni. Irridu niċċaqalqu minn irqajja’ żgħar tal-innovazzjoni għall-bliet tal-ġejjieni.’
‘Ħu d-dawl — dan huwa riżors naturali. In-nies jieħdu pjaċir jaħdmu u jgħixu mdawrin bid-dawl naturali. Il-bini jista’ faċilment jagħmel użu ħafna aħjar tad-dawl naturali. Jew ħu l-ġonna vertikali. Ġonna vertikali jfisser li nibdlu l-ibliet tagħna f’irziezet urbani fejn il-ħxejjex tal-ikel jitkabbru fuq u ġol-bini tagħna.
‘L-idea ta’ ħitan ħajjin u allokazzjoinijiet vertikali hija qadima ħafna u tmur lura għall-Ġonna Mdendla tal-Babilonja. Tal-għaġeb kif m’għamilniex aktar minn dan qabel, imma issa hemm urġenza ġdida biex inbiddlu d-drawwiet tagħna minħabba l-bidla fil-klima,’ tgħid il-Professur McGlade.
Temperaturi ogħla fl-ibliet, ikkawżati mill-konkos u t-tarmak li jassorbu s-sħana u jirrilaxxjawha bil-mod, jistgħu jfissru staġun ta’ tkabbir itwal u prodotti aħjar. L-ilma tax-xita jista’ jinġabar fuq il-bjut u netwerks ta’ pajpijiet jippermettulu li jqattar f’kull livell. Il-pjanti jkollhom ukoll effett ta’ iżolazzjoni li jżomm l-ispazju tal-għajxien ġol-bini aktar frisk fis-sajf u aktar sħun fix-xitwa.
Il-popolazzjoni globali qed tinġabar fil-bliet tagħna. Tmenin fil-mija tad-disa’ biljun persuna li huwa stmat li hawn fid-dinja, fl-2050 mistennija jkunu qed jgħixu f’żoni urbani. Ħafna mill-ibliet tagħna għandhom diffikultà biex ilaħħqu mal-problemi soċjali u ambjentali li jirriżultaw minn pressjonijiet bħall-affullament, il-faqar, it-tniġġis u t-traffiku.
It-tendenza lejn għajxien f’żoni urbani mistennija tkompli. Madwar id-dinja, l-ibliet jokkupaw 2 % biss tal-wiċċ tal-art imma jammontaw għal nofs il-popolazzjoni globali, tw(20). Fl-Ewropa, 75 % minna jgħixu fl-ibliet. Dan mistenni jiżdied għal 80 % sal-2020. L-ibliet tal-Ewropa preżentament jużaw 69 % tal-użu tal-enerġija tagħna u b’hekk huma responsabbli għall-maġġoranza tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra. L-impatti ambjentali tal-ibliet jinfirxu fuq medda wiesgħa u ’l bogħod minħabba d-dipendenza tagħhom fuq reġjuni ’l barra minnhom biex ilaħħqu mad-domanda għall-enerġija u r-riżorsi u biex jakkomodaw l-iskart. Studju ta’ Greater London(21) jistma li Londra għandha marka tal-karbonju 300 darba akbar mill-erja ġeografika tagħha — li tikkorrispondi għal kważi d-doppju tad-daqs tar-Renju Unit kollu. It-tniġġis mill-ibliet ta’ spiss ikollu impatt ukoll fuq żoni ’l barra mill-belt.
Il-bidla fil-klima hija theddida ġdida u tal-biża’ għall-għajxien fl-ibliet. Xi bliet se jbatu konsiderevolment minħabba l-bidla fil-klima. Dan jista’ jaggrava l-inugwaljanzi soċjali: il-foqra ta’ spiss huma l-aktar fil-periklu u m’għandhomx ir-riżorsi biex jaddattaw. Il-bidla fil-klima se taffettwa wkoll l-ambjent urban: pereżempju l-kwalità tal-arja u l-ilma.
Mela, il-bliet u ż-żoni urbani tagħna għandhom ħafna problemi li jvarjaw minn soċjali għal tas-saħħa għal ambjentali. Madankollu, il-prossimità tan-nies, in-negozji u s-servizzi assoċjati mal-kelma belt, ifisser li hemm ukoll opportunitajiet enormi.
Ambjenti urbani joffru opportunitajiet importanti għal għajxien sostenibbli. Diġà d-densità tal-popolazzjoni fl-ibliet tfisser vjaġġi iqsar għax-xogħol u s-servizzi, użu akbar tat-trasport pubbliku, u djar iżgħar li jirrikjedu inqas tidwil u tisħin. Minħabba f’hekk, ir-residenti urbani jikkunsmaw inqas enerġija ras għal ras mir-residenti rurali.(22)
Il-bliet tagħna qegħdin wkoll f’pożizzjoni unika fir-rigward tal-mitigazzjoni tal-bidla fil-klima u l-addattament għaliha. Il-karatteristiċi fiżiċi, id-disinn, il-governanza u l-lokazzjoni ta’ belt huma biss ftit mill-fatturi li jistgħu jikkontribwixxu għalihom jew inaqqsuhom it-tnejn.
Hija ħaġa ċara li mudelli tal-inġinerija — bħall-ostakli kontra l-għargħar — huma biss parti mis-soluzzjoni. L-addattament jirrikjedi wkoll ħsieb mill-ġdid b’mod fundamentali tad-disinn u l-ġestjoni urbani, u dan għandu ‘jiddomina’ fil-politika kollha rrelatata, inkluż l-użu tal-art, id-djar, il-ġestjoni tal-ilma, it-trasport, l-enerġija, l-ekwità soċjali u s-saħħa.
Jekk naħsbuha mill-ġdid rigward id-disinn, l-arkitettura, it-trasport u l-ippjanar urban, nistgħu nibdlu l-ibliet u l-pajsaġġi urbani tagħna ‘f’ekosistemi urbani’ fuq quddiem nett tal-mitigazzjoni tal-bidla fil-klima (trasport aħjar, enerġija nadifa) u tal-addattament għall-bidla fil-klima (djar f’wiċċ l-ilma, ġonna vertikali). Ippjanar urban aħjar itejjeb il-kwalità tal-ħajja kullimkien u joħloq opportunitajiet ta’ impjiegi ġodda billi jseddaq is-suq għal teknoloġiji ġodda u arkitettura ħadra.
Iċ-ċavetta tinsab fl-ippjanar tal-ibliet b’modi li jħaffu konsum inqas ras għal ras tal-enerġija, l-użu ta’ mezzi bħat-trasport urban sostenibbli u djar b’enerġija baxxa. Teknoloġiji ġodda għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u riżorsi li jiġġeddu, bħall-enerġija mix-xemx jew mir-riħ u fjuwils alternattivi, huma importanti wkoll, bħall-provediment ta’ opportunitajiet għall-individwi u l-organizzazzjonijiet biex ibiddlu l-imġiba tagħhom.
‘Il-ġejjieni se jkun differenti milli nistennew aħna — dak biss nistgħu inkunu ċerti minnu. Aħna qed nippjanaw għal dik l-inċertezza,’ jgħid Johann van der Pol, id-Deputat Direttur ta’ Dura Vermeer, kumpanija tal-kostruzzjoni Olandiża li preżentament qed tiddisinja u tibni Ijburg, distrett ġdid f’wiċċ l-ilma f’Amsterdam.
Ijburg huwa wieħed mill-aktar proġetti ambizzjużi li qatt wettqet il-muniċipalità ta’Amsterdam. Popolazzjoni li qed tespandi u l-livell tal-ilma li qed jogħla sfurzaw lill-belt li għandha popolozzjoni kbira ħafna biex tkun kreattiva: tesperimenta b’tipi innovattivi ta’ arkitettura fuq l-ilma nnifsu. Id-djar il-ġodda huma ‘irmiġġati’ ma’ trejqiet f’wiċċ l-ilma u mqabbda mas-servizzi tal-elettriku, l-ilma u d-drenaġġ. Huma jistgħu faċilment ikunu skonnettjati u mċaqalqa għal post ieħor — u dan jagħti tifsira għal kollox ġdida għall-espressjoni ‘tibdel id-dar’. Il-belt li qed tiżviluppa tinkludi serer f’wiċċ l-ilma li jħarsu l-ambjent fejn qed jitkabbar kull tip ta’ frott u ħxejjex tal-ikel.
Id-djar f’wiċċ l-ilma ta’ Ijburg huma biss eżempju wieħed ta’ moviment ġdid fl-arkitettura u l-ippjanar tal-bliet. L-impatti tal-bidla fil-klima jvarjaw minn nixfa u mewġ tas-sħana fin-nofsinhar tal-Ewropa għal għargħar fit-tramuntana. Il-bliet iridu jaddattaw. Minflok sempliċiment isaħħu l-ostakli kontra l-għargħar jew iġorru l-ilma, xi periti, inġiniera u dawk li jippjanaw l-ibliet qed jikkunsidraw mudell għal kollox ġdid ta’ għajxien urban u għajxien fl-ibliet. Huma qed iqisu l-pajsaġġi urbani bħala ekosistemi urbnani tal-ġejjieni.
Pariġi bin-naħalIn-naħal ilhom jitrabbew fuq il-bejt ta’ Dar l-Opra f’Pariġi għal 25 sena. Il-kolonja f’din l-istituzzjoni Pariġina sejra tajjeb u tipproduċi kważi 500 kg ta’ għasel kull sena. In-naħal tal-belt sejrin tajjeb u hemm madwar 400 kolonja fil-belt. Ġarar ġodda issa tpoġġew fil-Palazz ta’ Versailles u fil-Grande Palais. Tabilħaqq il-bliet jipprovdu ammont kbir ta’ pjanti bil-fjuri u siġar fil-ġonna tagħna. U waqt li hemm it-tniġġis, fl-ibliet hemm inqas pestiċidi. Fl-Ewropa, in-naħal urbani jidhru li sejrin aħjar mill-kuġini tagħhom tal-kampanja. L-Unjoni Nazzjonali Franċiża ta’ Dawk li Jrabbu n-Naħal fl-2005 bdiet kampanja — ‘Operazzjoni Naħal’ — bil-għan li tintegra n-naħal fil-pajsaġġ urban. Jidher li qed taħdem. L-Unjoni ta’ Dawk li Jrabbu n-Naħal tistma li kull ġarra Pariġina tipproduċi mill-inqas 50-60 kg ta’ għasel kull ħsad u r-rata tal-imwiet tal-kolonji hija 3-5 %. Dan jitqabbel man-naħal tal-kampanja li jipproduċu bejn 10 u 20 kilogramm ta’ għasel u jġarrbu rata tal-imwiet ta’ 30-40 %. In-naħal għandhom x’jagħmlu f’Londra wkoll. Skont l-Assoċjazzjoni ta’ Londra ta’ Dawk li Jrabbu n-Naħal, in-naħal urbani japprezzaw l-abbundanza ta’ pjanti bil-fjuri u siġar ikkombinati ma’ użu relattivament baxx tal-pestiċidi. Dan, u t-temp daqsxejn inqas kiefer, ifisser li l-istaġun tat-trobbija tan-naħal huwa itwal u ġeneralment jipproduċi aktar miż-żoni rurali. Eżempju perfett tal-potenzjal għall-ekosistema urbana tagħna. |
‘Bliet Ewropej qed jiffaċċjaw sfidi differenti li jeħtieġu tweġibiet differenti’ jgħid Ronan Uhel, il-kap tal-programm Sistemi Naturali u Vulnerabilità tal-EEA.
‘Dawk il-bliet li jagħtu bidu għal miżuri minn kmieni mistennija jaraw l-aħjar riżultati fuq l-investimenti ta’ addattazzjoni tagħhom. Imma sa issa, ftit bliet Ewropej biss żviluppaw strateġiji li jippermettu l-addattazzjoni għall-kundizzjonijiet “ġodda” tal-bidla fil-klima — u l-implimentazzjoni attwali tal-miżuri għadha, sa issa, limitata l-aktar għal proġetti ta’ skala żgħira,’ jgħid Uhel.
Bliet oħrajn jistgħu ma jkunux daqshekk iffortunati fir-rigward tal-għarfien u r-riżorsi u se jirrikjedu appoġġ u gwida kontinwi. F’dan l-istadju, it-titjib fl-iskambju tal-esperjenzi u tal-aħjar prattiċi fost l-ibliet ikun jiswa ħafna.
‘Thisted hija komunità żgħira fil-punent tad-Danimarka li tipprovdi hija stess l-enerġija tagħha nnifisha. Kultant, anki tagħti l-enerġija lill-grilja nazzjonali. Din il-komunità qiegħda tikseb mill-ġdid id-destin tagħha. Tinstema’ filosofika imma dan hu dak li qegħdin nitkellmu dwaru: il-kisba mill-ġdid ta’ dak li aħna,’ jgħid Ronan Uhel.
‘Ħloqna soċjetajiet ta’ bnedmin mgħejjuna. Ta’ spiss ikollna biss rabta virtwali mal-madwar naturali tagħna, l-ikel shrink-wrapped tagħna, l-ilma tagħna. Irridu niskopru mill-ġdid lilna nfusna u postna fin-natura.’
Nieħdu ħsieb id-dinjaFl-EEA aħna nemmnu li jekk rridu nittrattaw il-problemi ambjentali tagħna, irridu ningaġġaw ma’ persuni ordinarji u nistaqsu kif huma jistgħu ‘jinformaw’ lilna. Il-bdiewa, il-ġardinara, il-kaċċaturi, id-dilettanti tal-isports — kollha diġà għandhom għarfien lokali. ‘Eye on Earth’ — kollaborazzjoni bejn l-EEA u l-Microsoft — tipprovdi informazzjoni aġġornata malajr u interattiva dwar l-ilmijiet tal-għawm u l-kwalità tal-arja madwar l-Ewropa, u se jiżdiedu aktar servizzi. U tippermetti lill-utenti li jagħtu l-opinjoni tagħhom, biex jissupplimentaw u jivvalidaw (jew forsi jikkonfutaw) l-informazzjoni uffiċjali. Bl-ingaġġ taċ-ċittadini bħala kontributuri u l-għoti tal-kapaċità b’informazzjoni rilevanti u komparabbli, servizzi bħal Eye on Earth jistgħu jikkontribwixxu b’mod sinjifikanti għal governanza ambjentali aħjar: http://eyeonearth.cloudapp.net/ |
20. Il-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent, 2008
21. L-Awtorità ta' Greater London
22. IEA, 2008
For references, please go to https://eea.europa.eu./mt/articles/l-urban or scan the QR code.
PDF generated on 22 Nov 2024, 09:02 PM
Engineered by: Tim tal-Web tal-EEA
Software updated on 26 September 2023 08:13 from version 23.8.18
Software version: EEA Plone KGS 23.9.14
Dokument ta’ Azzjonijiet
Ikkondividi ma’ oħrajn