All official European Union website addresses are in the europa.eu domain.
See all EU institutions and bodiesGħin lill-pjaneta tagħna, ipprintja din il-paġna biss jekk ikollok bżonnha. Anke azzjoni żgħira tista’ tagħmel differenza enormi meta jagħmluha miljuni ta’ persuni!
Article
In-Natura tuża biss l-itwal ħjut biex tinseġ il-mudelli tagħha, u b’hekk kull biċċa żgħira tat-tessut tagħha jikxef l-organizzazzjoni tat-tiżwiq kollu
Richard P. Feynman, Fiżiku u Rebbieħ tal-Premju Nobel
Meta, kmieni fis-snin sittin, kien qed jikkummenta dwar l-għejbien ta’ għasafar tal-għana, speċi ta’ pjanti u insetti mill-pajsaġġ, il-kittieb Aldous Huxley qal li aħna ‘konna qed nitilfu nofs is-suġġetti tal-poeżija’.
Huxley kien għadu kemm qara ktieb ġdid qawwi ħafna, ‘Silent Spring’ tal-bijoloġista Amerikana Rachel Carson. Il-ktieb, ippubblikat għall-ewwel darba fl-1962, kien inqara u ġie analizzat minn firxa wiesgħa ta’ qarrejja u għen biex ikabbar it-tħassib tal-pubbliku dwar l-użu tal-pestiċidi, it-tniġġis u l-ambjent ġenerali. Minflok ma tittrivjalizza dak li kien qed jiġri, ir-referenza ta’ Huxley għat-telf kulturali tiġbor fiha l-qofol tal-bijodiversità, kelma u kunċett li spiss ikollna diffikultà biex nispjegawhom.
Bijodiversità ġejja minn żewġ kelmiet: ‘bijoloġika’ u ‘diversità’. Tiġbor fiha l-varjetà tal-organiżmi ħajjin kollha fi ħdan l-ispeċi u fil-firxa tal-ispeċi. Fl-aħħar nett, il-bijodiversità hija n-natura fil-forom kollha tagħna.
Ekosistema hija komunità ta’ pjanti, annimali u mikroorganiżmi, u l-interazzjonijiet tagħhom mal-ambjent. Mil-laqgħa momentanja fis-sajf ta’ naħla ma’ pjanta bil-fjuri fl-għelieqi tal-ħaxix għall-interazzjonijiet kbar u kontinwi tal-arja, l-ilma u l-ħamrija – l-ekosistemi jħaddnu l-pedament tal-ħajja fid-dinja.
Meta n-naħal jiġbru n-nektar, huma jiġbru wkoll l-għabra tad-dakra minn fjura partikulari u jiddepożitawha fuq fjuri oħra, biex b’hekk issir d-dakra meta jagħmlu dan. B’dan il-mod jinħolqu l-fjuri ġodda b’interazzjoni mal-arja ta’ fuqhom u l-ħamrija u l-ilma ta’ taħthom. Pereżempju, ħu s-siġar. Il-weraq tagħhom inaddfu l-arja tagħna u l-għeruq tagħhom isaffu l-ilma tagħna billi jsoffu minnu n-nutrijenti. Barra minn hekk, l-għeruq jorbtu u jagħtu nutrizzjoni lill-ħamrija — anki meta jmutu. Neħħi s-siġar minn ekosistema u f’qasir żmien tkun affettwata l-kwalità tal-arja, l-ilma u l-ħamrija. Żid is-siġar, anki f’belt, u joħolqu effett billi jiffriskaw l-arju u jtejbuha.
Aħna kollha parti minn din ‘is-sistema’ imma ta’ spiss ninsewh dan. Minn mindu l-ewwel antenati tagħna bdew jutilizzaw in-naħla, il-pjanta tal-fjuri u l-għalqa tal-ħaxix biex jipproduċu l-ikel permezz ta’ dik li llum insejħulha l-agrikultura, daqshekk ilna niffurmaw u nbiddlu l-bijodiversità. Speċi u pjanti mkabbra fil-biedja saru prodotti li l-valur intrinsiku tagħhom kien monetarju. Mill-agrikultura morna għall-industrijalizzazzjoni, u fejn immorru aħna jkollha ssegwi n-natura — immaterjali kemm ma tkunx trid tagħmel dan.
B’hekk erġajna ġejna minn fejn bdejna: meta industrijalizzajna ħajjitna, inkluża l-agrikultura, aħna industrijalizzajna n-natura. Aħna ngħammru l-insetti, l-annimali u l-pjanti għas-suq, nagħżlu l-karatteristiċi li jgħoddu għalina u l-ħtiġijiet tagħna. Id-diversità bijoloġika hija mhedda kemm fil-livell grandjuż kif ukoll fil-livell molekulari.
In-natura ta’ spiss inqisuha bħala lussu: il-preservazzjoni tal-ispeċi tista’ tkun mixtieqa, it-telf tagħhom jista’ jkun traġiku imma fl-aħħar mill-aħħar, il-prezz li jrid jitħallas jidher li huwa aċċettabbli jekk dan jippermetti lill-bnedmin li jipproteġu l-impjiegi u nkabbru d-dħul tagħna.
Naturalment, ir-realtà hija differenti ħafna. Ħu n-naħal.
F’ħafna partijiet tal-Ewropa, l-ispeċi tan-naħal selvaġġi huma diġà estinti. Il-popolazzjonijiet tan-naħal li għadhom ħajjin ta’ spiss huma varjetajiet ġodda li saru selvaġġi. Issa l-popolazzjonijiet tagħhom qed jinqerdu bil-kbir madwar id-dinja. In-naħal jiffaċċjaw għadd ta’ problemi serji, mill-pestiċidi sal-mites u l-mard sa struttura ġenetika mdagħjfa. Studju tal-membri tal-Assoċjazzjoni ta’ Dawk li Jrabbu n-Naħal tal-Gran Brittanja (BBKA) sab li n-numru tan-naħal tal-għasel naqas bi 30% matul ix-xitwa 2007-2008. Dan jirrapreżenta telf ta’ aktar minn 2 biljun naħla bi spiża ta’ 54 miljun GBP għall-ekonomija.
Il-punt huwa, kif juri dan l-eżempju u oħrajn li se jsegwu, li t-telf tal-bijodiversità ma jħaffifx l-iżvilupp ekonomiku imma jimminah.
Kont taf?
|
Fl-2002, gvernijiet madwar id-dinja ntrabtu li sal-2010 jnaqqsu r-rata tat-telf tal-bijodiversità. L-Unjoni Ewropea marret pass lil hinn u ntrabtet li sal-2010 twaqqaf kompletament it-telf tal-bijodiversità fl-Ewropa. Madankollu, evalwazzjoni mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA)(1) turi li minkejja progress f’xi oqsma, il-mira tal-UE mhux se tinkiseb. Tabilħaqq, il-bijodiversità qed tintilef b’rata mingħajr preċedent.
L-2010 ġiet iddikjarata min-NU bħala s-Sena Internazzjonali tal-Bijodiversità u dan is-suġġett se jkun il-fokus ta’ skrutinju u dibattitu intensiv tul dik is-sena. Il-fatt li l-mira ma ntlaħqitx diġà ta bidu għal diskussjoni serja fi ħdan l-UE dwar x’azzjonijiet huma meħtieġa biex tkun salvata l-bijodiversità.
L-Ewropa għamlet xi progress fir-rigward tal-protezzjoni tal-bijodiversità. Matul l-aħħar 30 sena l-Unjoni Ewropea bniet netwerk ta’ kważi 25 000 żona protetta(2) madwar l-Istati Membri kollha f’attentat biex tipproteġi l-bijodiversità tagħna. Dan jammonta għal madwar 880 000 km2, li jirrapreżentaw 17 % tat-territorju tal-UE. Din il-ġabra kbira ta’ siti, magħrufa bħala Natura 2000, hija l-ikbar netwerk ta’ żoni protetti fid-dinja.
Il-leġislazzjoni dwar l-emissjonijiet fl-atmosfera (it-tniġġis tal-arja), il-kwalità tal-ilma ħelu u t-trattament tad-drenaġġ kellha riżultati pożittivi, li bbenefikaw lill-bijodiversità. Ix-xita aċiduża, pereżempju, li għamlet ħerba sħiħa fil-foresti tat-tramuntana tal-Ewropa, m’għadhiex kwistjoni maġġuri. L-agrikultura qed issir aktar intonata mal-pajsaġġ tal-madwar, għalkemm għad baqa’ ħafna x’isir. B’mod ġenerali, il-kwalità tal-ilma tjiebet fir-rigward tal-ilma ħelu.
Madankollu, il-bijodoiversità tkompli tintilef fl-iskali kollha. Is-silġ tal-baħar tas-sajf tal-Artiku qed jirtira u jirqaq b’rata aktar mgħaġġla minn qatt qabel. Fl-2007 il-konfini tas-silġ tal-baħar kienu nofs dawk imkejla fis-snin ħamsin. Dan għandu konsegwenzi għall-abitanti kollha li jgħixu hemmhekk — mill-ħajja mikroskopika fis-silġ sal-orsijiet polari u l-bnedmin. Kif se jkun spjegat, il-glaċieri fil-muntanji tal-Ewropa qed idubu wkoll b’konsegwenzi serji għal għexieren ta’ miljuni ta’ Ewropej.
Madwar id-dinja, aktar minn biljun persuna jiddependu fuq is-sajd għall-ikel u l-għajxien tagħhom. Madankollu, nofs il-ħut selvaġġ kollu ġie sfruttat kompletament. Il-maġġoranza tas-sajd kummerċjali ta’ llum mistennija tkun ikkollassat sal-2050 jekk ix-xejriet preżenti ma jitreġġgħux lura. Lura fuq l-art, il-foresti tax-xita qed ikunu ddeċimati minħabba l-ikel (pereżempju l-produzzjoni tas-sojja u ċ-ċanga) u l-agrofjuwils (pereżempju ż-żejt tal-palm) — żviluppi li ma jqisux il-ħafna servizzi ta’ ekosistema prezzjużi li jipprovdu l-foresti.
Matul l-aħħar 20 sena, il-popolazzjonijiet tal-friefet fl-Ewropa naqsu b’60 %(3).
Il-friefet huma indikaturi ambjentali prezzjużi minħabba li huma sensittivi għall-aktar bidliet sottili fl-ambjent naturali. L-għajbien tagħhom jindika bidla ambjentali aktar wiesgħa li aħna għadna biss qed nibdew nifhmuha.
Il-bijodiversità tipprovdi firxa wiesgħa ta’ ‘servizzi ta’ ekosistema’ li aħna noħduhom bħala stat ta’ fatt. Aħseb ftit fl-insetti li jdakkru l-ħxejjex tal-ikel tagħna, il-ħamrija, is-sistemi tal-għeruq tas-siġar u l-formazzjoni tal-blat li jnaddfu l-ilma tagħna; l-organiżmi li jkissru kimikament l-iskart tagħna jew is-siġar li jnaddfu l-arja tagħna. Aħseb ftit dwar il-valur tan-natura, is-sbuħija tagħha u l-użu li nagħmlu minnha għall-skop ta’ rikreazzjoni.
Dawn huma biss ftit mis-‘servizzi ta’ ekosistema’ li jagħmlu l-ħajja fuq l-art possibbli. Madankollu, aħna tlifna r-rabtiet tagħna ma’ ħafna minn dawn is-servizzi bażiċi ta’ sostenn għall-ħajja u saħansitra rari narawhom, jew nivvalutawhom, għal dak li tassew huma. Dan il-fatt waħdu għandu impikazzjonijiet kbar għad-dinja naturali tagħna. Il-bdil naturali tal-isfidi ambjentali
Matul is-sittinijiet, is-sebgħinijiet u t-tmeninijiet l-ambjent kultant kien meqjus biss bħala ġabra ta’ sistemi separati. Il-politika u l-kampanji spiss kienu jiffukaw fuq problemi speċifiċi: l-ismog fl-arja, il-kimiċi jitferrgħu mill-fabbriki fix-xmajjar, il-qerda tal-Amazon, il-qagħda ħażina tat-tigri, is-CFCs fil-bottijiet tal-ajrusol. Il-kawżi kienu meqjusa bħala lineari jew speċifiċi u ttratati separatament.
Illum nifhmu l-pressjonijiet fuq l-ambjent tagħna b’mod differenti. Dawn il-pressjonijiet mhumiex uniformi jew miżmumin f’post minħabba l-ġografija. Dak li għandhom komuni huwa li ġeneralment jirriżultaw — direttament jew indirettament — minn attività tal-bniedem. Ix-xejriet tal-produzzjoni, il-kummerċ u l-konsum tagħna huma forzi qawwijin ħafna, li simultanjament huma l-bażi tas-soċjetajiet tagħna u jiddeterminaw il-mod tal-għajxien tagħna, il-kwalità tal-ħajja u l-ambjent tagħna.
Aħseb fi ktieb tat-tpinġija ta’ tifel. It-tifel joħloq stampa billi jgħaqqad it-tikek — jibda min-numru wieħed u jispiċċa fl-ikbar numru x’imkien ieħor fil-paġna. Fil-bidu, l-immaġni ftit tagħmel sens imma bil-mod il-mod titfaċċa xi ħaġa koerenti. Il-fehim tagħna tal-kwistjonijiet ewlenin li qed titfaċċa s-soċjetà tagħna żviluppa minn tikek iżolati għall-forma sħiħa tal-immaġni. Għad m’għandniex l-istampa sħiħa imma qed nibdew naraw il-mudell.
Il-bijodiversità qed tisparixxi b’rata allarmanti prinċipalment minħabba li użajna ħażin in-natura biex insostnu l-produzzjoni, il-konsum u l-kummerċ fl-ekonomija globalizzata tagħna. Il-falliment tagħna li nagħtu valur lill-kapital naturali tagħna jfisser li l-prezzijiet għas-siġar u l-foresti tagħna, l-ilma, il-ħamrija u l-arja tagħna huma baxxi jew ma jeżistux.
F’ekonomija fejn il-ġid nazzjonali jitkejjel minn kemm il-pajjiż jipproduċi u fejn li jiżdiedu l-profitti ta’ kull tliet xhur huwa aktar importanti mill-istaġuni, ta’ spiss huwa diffiċli li saħansitra naraw in-natura. Ta’ spiss, il-kapital naturali tagħna lanqas biss huwa wieħed mit-tikek fuq il-paġna.
Erġajna qegħdin fi żmien ta’ riflessjoni u opportunità. Il-pressjonijiet li qed niffaċċjaw — kemm dawk ekonomiċi kif ukoll dawk irrelatati mal-enerġija, is-saħħa jew l-ambjent — jistgħu jkunu rranġati. Għandna dan l-obbligu lejn il-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni. Nistgħu niksbu l-massimu jekk nammettu li s’issa għadna nafu ftit wisq rigward l-ambjent naturali tagħna, il-kumplessità tiegħu u l-effetti li qed ikollna fuqu. Irridu niskopru mill-ġdid l-umiltà tagħna u nħarsu mill-ġdid b’sens ta’ stagħġib lejn dak li hemm madwarna.
Għal aktar informazzjoni żur il-paġna dwar il-bijodiversità fuq l-Internet tal-EEA: http://www.eea.europa.eu/themes/biodiversity
Niffokaw fuq: il-bidla fil-klima u l-bijodiversitàL-ekosistemi ġeneralment kapaċi jirreżistu. Madankollu, meta jinqabżu ċerti limiti, magħrufin bħala ‘punti ta’ periklu’, l-ekosistemi jistgħu jikkollassaw u jiġu ttrasformati fi stati distintivament differenti b’impatti potenzjali konsiderevoli fuq il-bniedem. Il-bidla fil-klima thedded li timmina servizzi ta’ ekosistema vitali bħall-ilma nadif u l-ħamrija għammiela li huma l-bażi kemm tal-kwalità tal-ħajja kif ukoll tal-ekonomija. Ma nafux x’se jkunu l-impatti sħaħ tal-bidla fil-klima fuq il-bijodiversità. Imma nafu żgur li t-trattament tat-telf tal-bijodiversità u trattament tal-bidla fil-klima jridu jimxu id f’id jekk irridu nipproteġu l-ambjent tagħna. Is-servizzi ta’ ekosistema li attwalment jgħinu biex jillimitaw il-bidla fil-klima, bħall-assorbiment tas-CO2 tal-atmosfera mill-ħamrija, l-oċeani u l-foresti, huma mhedda serjament. Rapport riċenti tal-EEA li jevalwa l-istatus tal-bijodiversità fl-Ewropa juri li l-bidla fil-klima qed ikollha effett notevoli fuq il-bijodiversità. Ir-rapport, ‘Progress lejn il-mira Ewropea tal-bijodiversità għall-2010’(4), studja 122 speċi ta’ għasafar Ewropej komuni u sab li 92 kellhom impatt negattiv mill-bidla fil-klima, waqt li 30 kellhom impatt pożittiv. Dan jindika li bidliet kbar fil-bijodiversità u l-ekosistemi nistgħu nistennew li jseħħu fl-Ewropa minħabba l-bidla fil-klima. Ir-rapport juri wkoll li l-friefet tal-mergħat qed jonqsu severament: il-popolazzjonijiet tagħhom naqsu b’60 % mill-1990 u m’hemmx sinjali li dan qed jittaffa. Il-forza ewlenija wara dan it-tnaqqis huwa maħsub li hija l-bidliet fl-użu tal-art rurali — primarjament il-biedja intensiva u l-abbandun tal-art mill-bdiewa. Kif il-maġġoranza tal-mergħat fl-Ewropa jeħtieġu ġestjoni attiva mill-bnedmin jew il-bhejjem tagħhom, il-friefet ukoll jiddependi fuq il-kontinwazzjoni ta’ dawn l-attivitajiet.
|
1 EEA, 2009, SEBI: http://www.eea.europa.eu/publications/progress-towards-the-european-2010-biodiversity-target
2 http://ec.europa.eu/environment/nature/natura2000/db_gis/pdf/area_calc.pdf
3 http://www.cbd.int/convention/articles.shtml?a=cbd-02
4 EEA, 2009, SEBI: http://www.eea.europa.eu/publications/progress-towards-the-european-2010-biodiversity-target
For references, please go to https://eea.europa.eu./mt/articles/it-tizwiq-tal-127ajja or scan the QR code.
PDF generated on 23 Dec 2024, 04:08 AM
Engineered by: Tim tal-Web tal-EEA
Software updated on 26 September 2023 08:13 from version 23.8.18
Software version: EEA Plone KGS 23.9.14
Dokument ta’ Azzjonijiet
Ikkondividi ma’ oħrajn