All official European Union website addresses are in the europa.eu domain.
See all EU institutions and bodiesGħin lill-pjaneta tagħna, ipprintja din il-paġna biss jekk ikollok bżonnha. Anke azzjoni żgħira tista’ tagħmel differenza enormi meta jagħmluha miljuni ta’ persuni!
Article
Il-ħamrija hija ħolqa kruċjali bejn il-problemi ambjentali globali bħall-bidla fil-klima, il-ġestjoni tal-ilma u t-telf tal-bijodiversità
José Luis Rubio President tas-Soċjetà Ewropea għall-Konservazzjoni tal-Ħamrija
It-trab, it-tajn, it-tafal, l-art, il-ħamrija: għandna ħafna kliem għaliha imma ftit huma ġusti magħha. Fid-dinja virtwali ta’ llum ħafna minna litteralment tilfu r-rabta tagħna mal-ħamrija. Imma l-ħamrija hija l-qoxra ħajja tad-dinja li tiksi s-saff ta’ blat li hemm taħtha u tagħti l-possibilità lill-ħajja fid-dinja. Bħall-arja u l-ilma, il-ħamrija hija parti mis-sistema ta’ sostenn tal-ħajja tagħna.
L-antenati tagħna kellhom relazzjoni aktar mill-qrib mal-ħamrija. Ħafna minnhom kienu jaħdmu biha kuljum. Dari, bħal llum, il-ħamrija lagħbet irwol kruċjali fil-provvista tal-ikel. Dak li ma kienx mifhum fil-passat huwa l-irwol kruċjali li l-ħamrija twettaq fil-bidla tal-klima, billi sservi ta’ maħżen enormi u naturali tal-karbonju.
Il-ħamrija hija riżors limitatImmaġina li din it-tuffieħa(7) hija l-pjaneta tagħna. Aqta’ t-tuffieħa f’erbgħa u armi tlieta minnhom. Il-kwart tat-tuffieħa li baqa’ tirrappreżenta l-art niexfa. Ħamsin fil-mija ta’ dik l-art niexfa hija deżert, żoni polari jew muntanji* — fejn hemm wisq sħana, wisq kesħa u wisq għoli biex jitkabbar l-ikel. Aqta’ l-kwart ta’ art niexfa fi tnejn. Erbgħin fil-mija ta’ dak li baqa’ hija blat, art wieqfa, art baxxa jew art mistagħdra wisq biex issostni l-produzzjoni tal-ikel. Warrab din il-parti u jibqagħlek biċċa tuffieħa żgħira ħafna. Innota l-qoxra tagħha, tħaddan u tipproteġi l-wiċċ. Dan is-saff irqiq jirrappreżenta l-kopertura baxxa tal-ħamrija fuq l-art. Qaxxarha u jkollok idea żgħira ta’ kemm hi ftit il-ħamrija fertili li niddependu fuqha biex nitimgħu l-popolazzjoni intiera tagħna. Din trid tikkompeti mal-bini, it-toroq u l-miżbliet. Hija wkoll vulnerabbli għat-tniġġis u l-impatti tal-bidla fil-klima. Ta’ spiss il-ħamrija titlef. *Kif se taqra, il-maġġoranza tal-art li mhijiex addattata għall-produzzjoni tal-ikel hija importanti għall-assorbiment tas-CO2. |
Il-ħamrija żżomm id-doppju tal-veġetazzjoni fir-rigward tal-karbonju organiku. Il-ħamrija fl-UE fiha aktar minn 70 biljun tunnellata metrika ta’ karbonju organiku jew madwar 7 % tal-baġit(8) totali tal-karbonju globali. Aktar min-nofs tal-karbonju maħżun fl-art fl-UE jinżamm fil-pantani tal-Finlandja, l-Irlanda, l-Iżvezja u r-Renju Unit.
Din il-figura titpoġġa f’kuntest meta tikkunsidra li l-Istati Membri tal-UE jipproduċu 2 biljun tunnellata metrika ta’ karbonju kull sena mis-sorsi kollha. Għaldaqstant, il-ħamrija twettaq irwol deċiżiv fil-bidla fil-klima. Anki telf żgħir ta’ 0.1 % tal-karbonju mill-ħamrija Ewropea għall-atmosfera huwa ekwivalenti għall-emissjoni tal-karbonju minn 100 miljun karozza addizzjonali fit-toroq. Dik hija żieda ta’ madwar nofs il-karozzi eżistenti fl-UE.
Kont taf?
|
L-element ewlieni fir-relazzjoni bejn il-ħamrija u l-ħażna tal-karbonju hija l-‘materja organika tal-ħamrija’ (SOM). Din hija t-total tal-materja ħajja u mejta fil-ħamrija u tinkludi r-residwi tal-pjanti u l-mikroorganiżmi. Hija riżors estremament prezzjuż li jwettaq funzjonijiet essenzjali għall-ambjent u għall-ekonomija, u tista’ tagħmel dan minħabba li hija ekosistema sħiħa fl-iskala mikroskopika.
L-SOM hija kontributur maġġuri għall-fertilità tal-ħamrija. Hija l-eliżir tal-ħajja, partikularment tal-pjanti. Hija torbot in-nutrijenti mal-ħamrija, taħżinhom u tagħmilhom disponibbli għall-pjanti. Hija d-dar tal-organiżmi tal-ħamrija, mill-bakterja sad-dud u l-insetti, u tippermettilhom li jittrasformaw ir-residwi tal-pjanti, u żżomm in-nutrijenti li jistgħu jintużaw mill-pjanti u l-ħxejjex tal-ikel. Hija żżomm ukoll l-istruttura tal-ħamrija biex b’hekk ittejjeb l-infiltrazzjoni tal-ilma, tnaqqas l-evaporazzjoni, iżżid il-kapaċità taż-żamma tal-ilma u tevita l-kumpattazzjoni tal-ħamrija. Barra minn hekk, il-materja organika tal-ħamrija tħaffef it-tfarrik tal-inkwinanti u tista’ torbothom mal-partiċelli tagħha, biex b’hekk tnaqqas ir-riskju ta’ skulatura.
Bil-fotosinteżi, il-pjanti kollha li jikbru jassorbu s-CO2 mill-atmosfera biex jibnu l-bijomassa tagħhom. Madankollu, kif nistgħu naraw il-pjanta tikber ’il fuq mill-art, hemm tkabbir moħbi tal-istess daqs li jseħħ taħt l-art. L-għeruq kontinwament jirrilaxxaw diversi taħlitiet organiċi fil-ħamrija u jitimgħu l-ħajja mikrobika.
Dan iżid l-attività bijoloġika fil-ħamrija u jistimula t-tfarrik tas-SOM, biex jiġu rrilaxxati n-nutrijenti minerali li l-pjanta teħtieġ biex tikber. Taħdem ukoll fid-direzzjoni opposta: xi karbonju huwa ttrasferit f’taħlitiet organiċi stabbli li jsakkru l-karbonju għal mijiet ta’ snin u ma jħalluhx jidħol fl-atmosfera.
Skond il-prattika tal-ġestjoni tal-bidwi, it-tip tal-ħamrija u l-kundizzjonijiet tal-klima, ir-riżultat nett tal-attività bijoloġika jista’ jkun pożittiv jew negattiv għas-SOM. Żieda fis-SOM toħloq sink fuq medda twila ta’ żmien għall-karbonju mill-atmosfera (miżjud ma’ effetti pożittivi oħra). Tnaqqis fil-materja organika jfisser li jinħareġ il-karbonju u l-prattiċi tal-ġestjoni tagħna jkunu żiedu mat-total tal-emissjonijiet magħmula mill-bniedem.
Għaldaqstant, kif nużaw l-art għandu impatt kbir fuq kif il-ħamrija tittratta l-karbonju. B’mod kruċjali, il-ħamrija tirrilaxxa l-karbonju meta l-mergħat, l-artijiet b’foresti ġestiti jew l-ekosistemi nattivi jiġu kkonvertiti f’art bil-ħxejjex tal-ikel.
Il-proċess ta’ ‘deżertifikazzjoni’ — fejn ħamrija vijabbli u b’saħħitha jitneħħulha n-nutrijenti sal-punt li ma tkunx tista’ ssostni l-ħajja u tista’ wkoll tittajjar mir-riħ — huwa illustrazzjoni drammatika ħafna ta’ waħda mill-kwistjonijiet li qed tiffaċċja l-ħamrija fl-Ewropa.
‘Il-kundizzjonijiet naturali: l-aridità, il-varjabilità u n-natura torrenzjali tax-xita, ħamrija vulnerabbli, flimkien mal-istorja twila ta’ pressjoni mill-bniedem fil-passat u fil-preżent, ifissru li partijiet kbar tan-nofsinhar tal-Ewropa qed ikunu affettwati mid-deżertifikazzjoni,’ jgħid José Luis Rubio, President tas-Soċjetà Ewropea għall-Konservazzjoni tal-Ħamrija u kap tal-unità tar-riċerka dwar il-ħamrija mmexxija mill-Università ta’ Valenzja u l-belt ta’ Valenzja.
Fin-nofsinhar, iċ-ċentru u l-lvant tal-Ewropa, 8 % tat-territorju, madwar 14-il miljun ettaru, preżentament juru sensittività għolja għad-deżertifikazzjoni. Dan jiżdied għal aktar minn 40 miljun ettaru jekk jitqiesu wkoll is-sensittivitajiet moderati. Fl-Ewropa, il-pajjiżi l-aktar affettwati huma Spanja, il-Portugal, in-nofsinhar ta’ Franza, il-Greċja u n-nofsinhar tal-Italja(10).
‘Id-degradazzjoni gradwali tal-ħamrija bl-erożjoni, it-telf tal-materja organika, is-salinizzazzjoni jew il-qerda tal-istruttura tagħha hija trasmessa lill-komponenti l-oħra tal-ekosistema— ir-riżorsi tal-ilma, il-kopertura tal-veġetazzjoni, il-fawna u l-mikroorganiżmi tal-ħamrija — f’mekkaniżmu spirali li eventwalment joħloq pajsaġġ deżolat u bla ħajja.
‘Ta’ spiss huwa diffiċli għan-nies li jifhmu jew saħansitra jaraw il-konsegwenzi tad-deżertifikazzjoni minħabba li ġeneralment dawn iseħħu moħbija jew mhux innotati. Madankollu, l-impatt ambjentali tagħhom fuq il-produzzjoni agrikola, iż-żieda fl-ispejjeż ekonomiċi minħabba l-għargħar u ż-żerżiq minn ġnub l-għoljiet, l-impatt tagħhom fuq il-kwalità bijoloġika tal-pajsaġġ, u l-impatt ġenerali fuq l-istabilità tal-ekosistema tad-dinja, ifisser li d-deżertifikazzjoni hija waħda mill-aktar problemi ambjentali serji fl-Ewropa,’ jgħid Rubio.
Il-ħamrija hija riżors naturali ewlieni u kumpless ħafna imma qed ninjoraw dejjem aktar il-valur tagħha. Il-liġi tal-UE ma tindirizzax it-theddid kollu b’mod komprensiv u xi Stati Membri m’għandhomx leġislazzjoni speċifika dwar il-protezzjoni tal-ħamrija.
Il-Kummissjoni Ewropea ilha għal ħafna snin tiżviluppa proposti għal politika dwar il-ħamrija. Madankollu, diversi Stati Membri jqisuhom bħala kontroversjali u l-iżvilupp tal-politika waqaf. Minħabba f’hekk, il-ħamrija mhijiex protetta bl-istess mod bħall-elementi kruċjali oħra, bħal ma huma l-ilma u l-arja.
Fokus: F’ġieħ il-pitL-ekosistemi tal-artijiet bil-pit huma l-maħżen tal-karbonju l-aktar effiċjenti minn fost l-ekosistemi kollha tad-dinja. L-artijiet bil-pit ikopru biss 3 % ta’ wiċċ l-art tad-Dinja imma fihom 30 % tal-karbonju globali fil-ħamrija kollu. Dan ifisser li l-artijiet bil-pit huma l-maħżen tal-karbonju l-aktar effiċjenti fuq medda twila ta’ żmien fid-dinja. Madankollu, l-interventi tal-bniedem jistgħu faċilment jiddisturbaw il-bilanċ naturali tal-produzzjoni u d-dekompożizzjoni, u jibdlu l-artijiet bil-pit f’emitturi tal-karbonju. L-emissjonijiet attwali tas-CO2 mill-iskulaturi, in-nirien u l-esplojtazzjoni tal-artijiet bil-pit huma stmati li huma mill-inqas 3 000 miljun tunnellata metrika fis-sena — ekwivalenti għal aktar minn 10 % tal-emissjonijiet globali mill-fjuwils tal-fossili. Il-ġestjoni preżenti tal-artijiet bil-pit hija b’mod ġenerali mhux sostenibbli u għandha impatti negattivi maġġuri fuq il-bijodiversità u l-klima(11). |
7. Is-Servizz tal-Konservazzjoni tar-Riżorsi Naturali, Id-Dipartiment tal-Agrikoltura tal-Istati Uniti
8. Kummissjoni Ewropea: European Commission, 2008, “Analiżi tal-informazzjoni eżistenti dwar l-interrelazzjonijiet bejn il-ħamrija u l-bidla fil-klima”
9. http://ec.europa.eu/environment/pubs/pdf/factsheets/soil.pdf
10. Sistema ta’ Informazzjoni dwar id-Deżertifikazzjoni fil-Baċir tal-Mediterran (DISMED)
11. Rapport UNEP, 2011, Evalwazzjoni tal-Artijiet bil-Pit, il-Bijodiversità u l-Bidla fil-Klima
For references, please go to https://eea.europa.eu./mt/articles/il-127amrija or scan the QR code.
PDF generated on 23 Dec 2024, 03:23 AM
Engineered by: Tim tal-Web tal-EEA
Software updated on 26 September 2023 08:13 from version 23.8.18
Software version: EEA Plone KGS 23.9.14
Dokument ta’ Azzjonijiet
Ikkondividi ma’ oħrajn